Is-Soċjetà Filarmonika Leone se tkun qiegħda tieħu sehem fil-Karnival 2017 f’Għawdex b’kumpanija taż-żfin fil-kategorija hilarious ( merry-making ) u kumpanija oħra tat-tfal bil-membri tal- Aurora Youth Choir .
Is-Soċjetà Filarmonika Leone għaqqdet kumpanija taż-żfin fil-kategorija hilarious (merry-making) sabiex wara xi snin, fuq xewqa ta’ diversi partitarji, tirritorna fil-Karnival Reġjonali u organizzat f’Għawdex. Dan se tagħmlu primarjament b’żifna hilarious ta’ madwar għaxar minuti u bil-parteċipazzjoni ta’ ħamsa u għoxrin persuna. Il-preparamenti għal din iż-żifna ilhom għaddejjin għal diversi ġimgħat, u f’dawn il-jiem, dan il-grupp ta’ persuni qed jagħmel l-aħħar provi tiegħu ġewwa t-Teatru Aurora.
Michelle Farrugia, li qed tikkoordina ż-żifna ta’ dan il-grupp, tisħaq li “huwa sabiħ li tara din l-attività tagħti l-ħajja lill-Każin tal-Banda Leone bil-kuluri u l-ferħ li jġib miegħu l-Karnival”. Tgħid ukoll li attivitajiet bħal dawn ikomplu jagħtu lill-partitarji żgħażagħ tas-Soċjetà Leone mod ta’ kif jiltaqgħu flimkien tul is-sena kollha.
“huwa sabiħ li tara din l-attività tagħti l-ħajja lill-Każin tal-Banda Leone bil-kuluri u l-ferħ li jġib miegħu l-Karnival”
Naturalment, is-suġġett ta’ din iż-żifna hilarious se jibqa’ mistur sabiex jibqa’ l-element ta’ sorpriża. Aħna se nħallu f’idejkom sabiex tkunu parti mill-miġemgħa, u ssegwu dan il-grupp ta’ żgħażagħ fl-avvenimenti li se jieħu sehem fihom. “Li aħna ċerti minnu huwa li se tieħdu gost tarawna” jgħidilna wieħed miż-żgħażagħ involuti.
Apparti l-kumpanija tal-hilarious, se jieħu sehem ukoll l-Aurora Youth Choir bi grupp ta’ 25 tifel u tifla oħra. Hawnhekk, il-kor se jkun qiegħed janima tliet siltiet mill-film mużikali ċelebri popolari Mary Poppins, bi żfin, kant u għadd ta’ props u attrezzerija oħra mill-aktar ikkulurita. Din hija inizjattiva oħra għal dan il-grupp ta’ tfal li jiltaqa’ fil-każin tas-Soċjetá tagħna ta’ kull ġimgħa, daqqa għal servizz u daqqa għal ieħor. Dan se jkun tip ieħor ta’ servizz li għalih it-tfal ukoll ilhom jippreparaw bi ħġarhom u tassew se jkunu ħasbu għalih mill-bidu sal-aħħar – provi, kostumi u dak kollu meħtieġ biex jagħti l-ħajja li tliet xeni mill-isbaħ minn dan il-film.
Dawn il-kumpaniji tas-Soċjetà Filarmonika Leone se jkunu qed jieħdu sehem f’dawn il-ħinijiet, liema ħinijiet huma biss indikazzjoni:
Data
Ħin
Post
Il-Ġimgħa 24 ta’ Frar
1900hrs
Parata fi Triq ir-Repubblika*
Is-Sibt 25 ta’ Frar
1000hrs
Pjazza Indipendenza (it-Tokk), Victoria*
1800hrs
Triq Fortunato Mizzi, Victoria
2000hrs
Pjazza Ġesù Nazzarenu, Ix-Xagħra
Il-Ħadd 26 ta’ Frar
1100hrs
Pjazza tax-Xewkija
1315hrs
Pjazza taż-Żebbuġ
1415hrs
Pjazza tax-Xagħra
1500hrs
Triq Fortunato Mizzi, Victoria*
It-Tnejn 27 ta’ Frar
1830hrs
Pjazza tas-Sannat
1930hrs
Triq Fortunato Mizzi, Victoria
It-Tlieta 28 ta’ Frar
1800hrs
Triq Fortunato Mizzi, Victoria
*jieħu sehem iż-żewġ kumpaniji. Mill-bqija tieħu sehem biss il-kumpanija hilarious.

